Il-Banda Kuncizzjoni f’termini Imerese

Il-festa tal-Madonna tal-Karmnu din is-sena kienet waħda speċjali għall-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun. Delegazzjoni magħmlula minn uħud mill-membri tal-kumitat, flimkien mal-Kanonku Fr Franco Fenech, id-direttur spiritwali tal-istess għaqda, ġew mistedina mill-kumitat tal-Banda Musicale Maria Delle Grazie u l-kappillan tal-parroċċa Don Ġiuseppe Zucchetto f’Termini Imerese, f’Palermo, Sqallija. Id-delegazzjoni attendiet mill-15 sas-17 ta’ Lulju. Dan sar parti mill-ġemellag li beda wara li l-banda Taljana ġiet mistiedna ddoqq fil-manifestazzjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt fil-Ħamrun aktar kmieni din is-sena.

Id-Duomo, li hija l-knisja prinċipali f’dan il-villaġġ, hu ddedikat lil Immakulata Kunċizzjoni. F’Termini Imerese hemm sitt parroċċi oħra u waħda minnhom hi ddedikata lil Madonna tal-Karmnu, propju fejn nhar is-16 ta’ Lulju ġiet iċċelebrata l-festa tagħha.

Fl-10:30 ta’ filgħodu saret il-quddiesa solenni li tmexxiet minn Fr. Franco. Waqt iċ-ċelebrazzjoni, l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu ġiet mogħtija warda tal-fidda li permezz tagħha ġiet isiġillata l-imħabba lejn Ommna Marija. Imbagħad filgħaxija, waqt il-purċissjoni mat-toroq tal-villaġġ, l-istatwa ġiet merfugħa mill-membri tal-kumitat li kienu preżenti.

Matul din il-laqgħa qed isiru taħdidiet sabiex dan il-ġemellaġġ ikompli jifjorixxi.

Scroll to top