Il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni – Festa Ħelwa li tati ġieħ lil Marija Immakulata

L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun flimkien mal-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni qegħdin fl-aħħar preparamenti tagħhom sabiex fi ftit jiem oħra tkun qed tiġi iċċelebrata l-festa tal-patruna.

Il-bidu għall-festa jingħata bil-ħruġ tal-vara minn niċċa, li huwa wieħed uniku, nhar is-Sibt 27 ta’ Ġunju.  Wara l-quddiesa tas-6.30 ta’ filgħaxija, bl-għajnuna tat-tfal-preżenti u permezz ta’ karru bir-roti, il-vara tinġibed u tinħareġ għall-qima fin-nofs tal-knisja. It-tfal kollha huma mħeġġa sabiex jattendu ħalli jkunu huma li joħorġu l-istatwa għall-jiem tal-festa.

Il-qofol tal-attivitajiet mill-Għaqda Mużikali jiġi milħuq il-Ġimgħa 3 ta’ Lulju fit-8.30 ta’ filgħaxija bi Programm Vokali u Strumentali mtella’ għall-ewwel darba mis-Surmast Direttur il-ġdid Mro Joseph Chircop u taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta. 

Dan il-kunċert, bit-titlu Sinfonija Maltija, ser jinkludi diversi kanzunetti Maltin u ser jagħtu sehemhom il-grupp Għawdxi Folkloristiku Ogygia. Ser narawhom bl-ilbies tradizzjonali Malti, jiżfnu il-Maltesina u il-Maltin Medley.  L-għaqda mużikali tistiednek tgawdi l-versatilita tagħhom permezz ta’ varjeta ta’ rutini taż-żfin waqt li titpaxxew b’numru ta’ kanżunetti Maltin interpretati b’gost, passjoni u enerġija vibranti.

Jingħaqdu magħhom diversi kantanti fosthom bħal Mike Spiteri, Ritienne Azzopardi, Neville Refalo u Zaira Chetcuti. Ir-repertorju jinkludi kanzunetti poplari Maltin: Fjura fil-Kantina, Enzo Guzman Medley, Fit-Tieġ tan-Neputija, Xemx, Tfajjel Ċkejken, L-ewwwl tfajla li ħabbjet, Kemm hu sabiħ, Wellidni fost oħrajn. Il-kunċert jiġi fi tmiemu bl-innu popolari, Lejk Tifħir Immakulata u l-innu tal-banda Kunċizzjoni.

Waqt il-kunċert, ser jinġabru donazzjonijiet b’risq il-Community Chest Fund. Kulħadd huwa mħeġġeġ sabiex jattendi għal dan il-kunċert. Dħul huwa b’xejn u ser isir fuq il-planċier tal-Għaqda fi Triq Kappillan Mifsud. Il-kunċert jibda fit-8.30 p.m. Dakinhar ukoll tiġi offruta fjura friska mill-parruċċani lix-xbieha tal-Madonna li hemm fi Pjazza Kappillan Muscat.

Ser ikun hemm is-siġġijiet fejn wieħed jista’ joqgħod bilqiegħda kif ukoll parkeġġ mingħajr ħlas fl-ex Liceo Kulleġġ San Ġorġ Preca, Ħamrun.

Il-poplu Malti u Għawdxi kollhu huwa mħeġġeġ sabiex jingħaqad magħna f’atmosfera ta’ festa familjari f’ġieħ l-Immakulata Kunċizzjoni!

Scroll to top