Kuncerti Inclussivi – Hamrun

L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun, bħalma dejjem intqal, hija waħda nklussiva billi tagħti l-opportunita’ lil kull individwu. F’dawn il-ġranet tal-Milied, qegħda taħdem ma’ dawk b’diżabilita’ kif ukoll mar-residenti fiż-żewġ faċilitajiet korrettivi.

Nhar is-Sibt 13 ta’ Diċembru, ser jagħtu bidu għan-Novena tal-Milied fil-knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, l-Ħamrun, b’quddiesa għat-tfal kollha. Din il-quddiesa tibda fis-6.30 p.m. u jqaddes il-kappillan u direttur tal-għaqda mużikali Fr. Franco Fenech. Waqt il-quddiesa, t-tfal preżenti ser jagħtu sehemhom fil-mixgħela tal-knisja fejn fost oħrajn jinxtegħlu l-istilla u l-presepju.

Għal darb’oħra, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni ser tilqa’ lis-studenti ta’ Villa Bianca permezz tal-kunċert ‘Miracles in Melody’. Dan ser isir wara l-quddiesa, għall-ħabta tas-7.15 p.m., minn tfal b’diżabilita’, fosthom għomja. Għalkemm dawn it-tfal u żagħżagħ huma bi bżonnijiet speċjali, kollha għandhom għal qalbhom il-mużika. Dakinhar ser jagħtu b’xejn recorders lil numru ta’ studenti tal-mużika li huma nieqsa mid-dawl. Permezz ta’ dan l-apparat, l-istudenti jkunu jistgħu jirrekordjaw il-lezzjoni, u meta jkunu d-dar jisimgħuha u jipprattikaw fuq il-widna.

Din is-serata hija taħt il-patroċinju tal-Eccellenza Tagħha s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca, il-fundatriċi tal-Malta Trust Foundation li tat l-ħajja lil Villa Bianca. Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-iskema Access Support Scheme.

Wara tlett xhur ta’ tagħlim ta’ mużika fiż-żewġ faċilitajiet korrettivi minn Mro. Jesmond Agius,l-għaqda se tagħlaq dan il-proġett permezz ta’ żewġ kunċerti. Permezz ta’ dawn il-lezzjonijiet, ir-residenti kisbu tagħlim fuq il-mużika u tgħallmu jaħdmu flimkien u b’dixxiplina li jservihom għal meta jerġgħu lura fis-soċjeta’. Fil-faċilita tal-Imtaħleb, l-għaqda kompliet tgħin billi tat b’donazzjoni ta’ strumenti tal-mużika lil 15-il żagħżugħ. Ir-residenti fil-Facilita Korretiva ta’ Kordin ,bis-sehem tal-Fondazzjoni RISE ġew offruti wkoll taħriġ u sezzjonijiet fuq il-ħiliet li wieħed għandu bżonn fil-ħajja ta’ kuljum. Dawn il-proġetti huma ko-finanzjati mill iskemi Quality of Life Scheme u Komunitajiet Inklussivi, żewġ skemi mogħtija mill-Ministeru tal-Inklużżjoni u Settur tal-Volontarjat.

Il-mużika hija l-lingwa li tgħaqqadna għax il-mużika hija internazzjonali. Filwaqt li nħeġġu lill-pubbliku jattendi għall-kunċert tat-13 ta’ Diċembru, l-għaqda tavża li l-kunċerti taż-żewġ faċilitajiet korrettivi huma biss għar-residenti u dawk li qed

jitgħallmu hemmhekk.

Il-President u l-membri tal-kumitat jixtiequlkom Milied ħieni u sena mimlija risq! Idħlu fil-paġna ta’ Facebook ‘Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni’ sabiex iżommu ruħkom aġġornati mal-attivitajiet li l-għaqda torganizza.

Scroll to top