Baking with Santa – Hamrun
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied, nhar is-Sibt l-20 ta’ Diċembru fl-10 ta’ filgħodu, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun ser tlaqqa’ lit-tfal ma’ Missier il-Milied fis-Sala Parrokkjali.
Dakinhar, it-tfal ser jaħmu l-gallettini ma’ Missier il-Milied, bl-għajnuna ta’ Omm il-Milied u l-Elves. Sakemm isiru l-gallettini, t-tfal ser jinġabru biex jaraw film marbut ma’ dawn iż-żminijiet waqt li jieklu xi ħaġa flimkien. X’ħin il-gallettini jinħarġu mill-forn, it-tfal iżejnuhom u jeħduhom magħhom id-dar.
Dakinhar it-tfal huma mħeġġa jġibu ġugarelli u affarijiet oħra biex l-għada tal-Milied, jiġifieri fis-26 ta’ Diċembru, jeħduhom l-Isptar Mater Dei u l-Onkoloġija għat-tfal li jkunu għall-kura hemmhekk. Dakinhar fl-10 a.m., il-banda flimkien ma’ Missier il-Milied u Fr. Franco Fenech ser imorru jdoqqu l-Għanjiet Tradizzjonali tal-Milied f’Wonderland, Disneyland u Fairyland u f’Rainbow Ward fl-isptar Sir Anthony Mamo.
L-għaqda tixtieq titlob lill-aġenti u ħwienet oħra sabiex ikunu ġenerużi u joffru donazzjoni jew inkella ġugarelli u affarijiet oħra għal dawn it-tfal u adoloxxenti. B’hekk, lil dawn it-tfal intaffulhom ftit mid-dwejjaq li jġib miegħu l-mard. Dawn it-tfal żgur m’huma nieqsa minn xejn, iżda anke l-fatt li ser ikollhom żjara minn Missier il-Milied, u jagħtihom rigal żgħir, ċertament li ser toħloq tbissima fuq wiċċhom!
Din l-attivita’ ilha tiġi organizzata mill-għaqda mużikali għal dawn l-aħħar tlett snin u l-ġenituri ta’ dawn it-tfal dejjem juru l-apprezzament tagħhom għal din iż-żjara.
Min hu nteressat joffri xi rigal jew jattendi l-attivita ‘Naħmu ma’ Missier il-Milied’, jċempel fuq 77051771 jew jikkuntattja l-għaqda fuq il-paġna ta’ Facebook ‘Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun A.D. 1979’ jew ‘Ċelestini Kids & Youths’. Din l-attivita hi organizzata minn Ċelestini Kids & Youth Club.

Recent Comments