Sejħa għat-Tfal biex jżuru Little Sisters of the Poor ta’ Qaddisin
L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni, Ħamrun, se tiċċelebra Jum il-Qaddisin Kollha billi sejra żżur lill-anzjani residenti f’Little Sisters of the Poor, flimkien mat-tfal lebsin ta’ Qaddisin. Għalhekk qed tagħmel sejħa sabiex il-ġenituri u kustodji minn kull lokalita’ ta’ Malta u Għawdex, jinkoraġġixxu lit-tfal tagħhom jattendu għal din l-attivita li ser issir fl-1 ta’ Novembru.
Għaliex libsin ta’ qaddisin? L-1 ta’ Novembru hija l-festa tal-Qaddisin Kollha.
Tajjeb ngħidu wkoll li għal nofs is-seklu 20 kienet drawwa li l-omm meta kien ser ikollha t-tarbija kienet tagħmel wegħda ma’ xi qaddis partikolari biex il-ħlas imur sew. Bħala ringrazzjament, kienet tlibbes it-tarbija tal-qaddis protettur. L-aktar ilbies komuni għall-bniet kien dak ta’ Santa Rita u jlibbsuhom kull nhar ta’ Ħamis. Lis-subien kien popolari li jlibbsuhom kull nhar ta’ Tlieta ta’ San Franġisk t’Assisi. B’hekk din it-tradizzjoni antika se naddattawha għaż-żminijiet tal-llum. Ukoll nkunu qed nrawwmu lit-tfal tagħna minn ċkunithom l-imħabba għall-qaddisin.
Fid-9.15a.m. ser jinġabru quddiem il-knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni biex flimkien jinżlu għand il-Little Sisters of the Poor li qegħdin ħdejn l-għassa. Fl-10 a.m., fil-kappella tar-residenza, ser issir quddiesa minn Fr. Franco Fenech. Wara l-quddiesa, ser jitqassmu s-santi u l-kuruni mit-tfal Qaddisin. Dawk it-tfal li ma jixtiequx jilbsu l-kostum, jiġu xorta waħda b’ilbies normali. Ukoll ser ikun hemm Il-Bukku u Sħabu, grupp t’għannejja, li ser iferrħu lil anzjani u dawk preżenti. Ser tingħata xi ħaġa tal-ħelu lit-tfal li jattendu. Il-ġenituri jistgħu jakkumpanjaw lit-tfal.
Min hu nteressat jċempel fuq 77051771 jew jikkuntattja l-għaqda fuq il-paġna ta’ Facebook ‘Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun A.D. 1979’ jew ‘Ċelestini Kids & Youths’. Din l-attivita hi organizzata minn Ċelestini Kids & Youth Club.

Recent Comments