Jum iddedikat lill-annimali – Ramona Portelli Blog

Jum iddedikat lill-annimali

Fil-Kumpless tal-Għammieri nhar il-Ħadd 15 ta’ Ottubru bejn id-9 ta’ filgħodu u l-5 ta’ wara nofs in-nhar ser terġa tiġi organizzata attivita` tul il-ġurnata kollha ddedikata għall-ħarsien tal-annimali. Din l-inizjattiva għaldarboħra ser tkun kkordinata mit-Taqsima Festi Rurali flimkien mad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.

Il-ġurnata tiftah fid-9 ta’ filgħodu b’mixja bil-klieb mill-parkeġġ tar-Residenza tal-Anzjani f’San Vinċenz sal-kumpless tal-Għammieri. Kulħadd huwa mistieden li jipparteċipa f’din il-mixja fejn qed issir appell biex kull min għandu kelb jista’ jingħaqad f’din il-mixja qasira iżda sinifikattiva.Wara l-mixja ser tiġgi ċelebrata quddiesa segwita bi tberik tal-annimali.

Fuq il-palk prinċipali ,li ser jintrama apposta għall-okkażjoni, ser isiru diversi attivitajiet  tul il-ġurnata kollha. Dawn jinkludu preżentazzjoni lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni iddedikata għall-annimali li saret matul ix-xhur tas-sajf waqt SkolaSajf 2017, diskussjonijiet varji dwar il-ħarsien  tal-annimali u l-operat ta’ dan is-settur f’pajjiżna kif ukoll varjeta` minn diversi kantanti, żeffiena u scouts.

Ma’ jonqsux ukoll stands varji mifruxa tul il-kumpless kollu bil-protagonisti ikunu l-organizzazjonijiet mhux governattivi li b’xi mod imissu mal-qasam tal-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna. Ser jispikkaw ukoll esibizzjonijiet fost l-oħrajn ta’ tjur, fniek, rettili u ħut. Stands tal-ikel varjat u xorb ser ikunu ukoll għad-disposizzjoni ta’ dawk li ser jattendu.

Id-Direttorat dwar il-Ħarsien tal-Annimali tul il-ġurnata kollha ser ikun qed jintensifika l-kampanja tiegħu dwar l-addozzjoni tal-klieb u l-qtates fejn dawk li ser jattendu se tingħatalhom l-opportunita` li jagħżlu kelb jew qattus u jeħduh magħhom id-dar.

Għall-ewwel darba f’attivita` simili se jiġu organizzati xows kompetittivi għall-klieb u ponijiet ta’ shetland fejn ġurija apposta ser tkun qed tiġġudika l-parteċipanti f’dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet kif ukoll logħob għat-tfal akkompanjati mal-klieb tagħhom. Dawk interessati li jieħdu sehem jistgħu jiġu direttament fil-kumpless tal-Għammieri fid-9 ta’ filgħodu u jirreġistraw fil-kompetizzjoni li fiha jkunu jixtiequ jieħdu sehem. Il-Kitba tal-ponijiet hija miftuħa kull min jixtieq jinkiteb jista’ jiġi fl-uffiċċju tat-Taqsima Festi Rurali Triq Ħal-Luqa, Luqa.

Attrazzjonijiet oħra li wieħed ser ikun jista’ jsegwi jew jipparteċipa fihom tul il-ġurnata waqt din l-attivita` ser ikunu dawk f’żona apposta ddedikata għat-tfal fejn dawk li se jattendu ser ikollhom l-opportunita` li iħawlu u jieħdu pjanta magħhom id-dar.Is-sezzjoni tat-trobija tal-annimali ħasbu wkoll biex jagħmlu sezzjoni fejn it-tfal se jkollhom l-opportunita`li jiħdu ritratt mal-pony u donazzjonijiet li se jinġabru ħa jmorru għal Puttinu. Wieħed ser ikollu l-opportunita` ukoll li jżur id-diversi annimali tipiċi Maltin li hemm preżentament fl-Għammieri kif ukoll se jkun hawn ukoll it-tjur għal-bejgħ.

Filwaqt li l-familji Maltin u Għawdxin huma mistiedna sabiex jattendu , għall-aktar informazzjoni fuq din l-attivita` wieħed jista’ jżur l-paġna tagħna ta’ Facebook www.facebook.com/NisgetArtna jew jista’ jċempel fuq 22924179/4130/4285 jew imejl fuq nisgetartna.mesdc@gov.mt

Scroll to top